Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (minbarra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
Diċembru 2019
20 ta’ Diċembru 2019
Operazzjonijiet tas-suq
Eliġibilità tal-kollateral ta’ assi negozjabbli garantiti għajr titoli sostnuti minn assi u bonds koperti
Fit-13 ta’ Diċembru 2019 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li ma jibqax jaċċetta bħala kollateral tal-Eurosistema assi negozjabbli garantiti barra minn titoli sostnuti minn assi (ABSs) u bonds koperti. L-għan huwa li jiġi stabbilit approċċ konsistenti u trasparenti għad-definizzjoni tal-kategoriji ta’ assi negozjabbli garantiti eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema. Id-dħul fis-seħħ attwali ta’ dik id-deċiżjoni se jkun determinat mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi li ġejjin għad-Dokumentazzjoni Ġenerali, maħsuba għat-tieni trimestru tal-2020. Minn dik id-data, l-assi negozjabbli kollha garantiti minbarra l-ABSs u l-bonds koperti li huma eliġibbli meta d-deċiżjoni tidħol fis-seħħ se jkunu aċċettati mill-ġdid għal ħames snin oħra, sakemm jibqgħu jissodisfaw il-kriterji l-oħra kollha ta’ eliġibbiltà. Bħala riżultat ta’ dan il-proċess ta’ tneħħija gradwali, assi negozjabbli garantiti li għadhom kemm ħarġu barra ABSs u bonds koperti jsiru ineliġibbli għax-xiri taħt il-programm ta’ xiri ta' assi (APP), filwaqt li dawk diġà mixtrija taħt l-APP meta l-emendi għad-Dokumentazzjoni Ġenerali jidħlu fis-seħħ se jkomplu jinżammu fil-portafolli tal-APP.
Pariri dwar il-leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar diżinċentivi fiskali għall-użu tal-flus kontanti fil-Greċja
Fl-20 ta’ Novembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/39 wara talba tal-Ministeru tal-Finanzi tal-Greċja.
Opinjoni tal-BĊE dwar żieda tal-imposta speċjali fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji magħżula li joperaw fis-Slovakkja
Fis-26 ta’ Novembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/40 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Slovakka.
Opinjoni tal-BĊE dwar ir-rekwiżit għal ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu u friegħi biex jipprovdu servizzi ta' flus fl-Isvezja
Fis-26 ta’ Novembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/41 b’inizjattiva proprja.
Opinjoni tal-BĊE dwar skema ta' garanzija għal titolizzazzjoni ta' self li jkunu originaw minn istituzzjonijiet ta' kreditu
Fis-6 ta’ Diċembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/42 wara talba mill-Ministeru tal-Finanzi Grieg.
Opinjoni tal-BĊE dwar taxxi fuq assi ta’ ċerti parteċipanti fis-suq finanzjarju u taxxi fuq id-dħul korporattiv addizzjonali fuq ċerti istituzzjonijiet ta' kreditu fil-Litwanja
Fis-16 ta’ Diċembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/44 fuq l-inizjattiva tiegħu stess.
Opinjoni tal-BĊE dwar servizzi ta’ ħlas u sistemi ta' ħlas fil-Bulgarija
Fis-17 ta’ Diċembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/45 fuq talba tal-Ministru għall-Finanzi Bulgaru.
Governanza korporattiva
Emendi tekniċi għall-istrumenti legali li għandhom x’jaqsmu mal-qafas tal-kontabilità tal-Eurosistema
Fl-20 ta’ Novembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/2019/34 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2016/2249 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, Deċiżjoni BĊE/2019/35 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 dwar il-kontijiet annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew, u d-Deċiżjoni BĊE/2019/36 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/298 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew. L-emendi jaħsbu għal kjarifiki tekniċi u aġġustamenti għall-qafas legali tal-kontabilità tal-Eurosistema. L-atti legali kollha ser jiġu ppubblikati eventwalment fil-websajt tal-BĊE.
Opinjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill relatata mal-ħatra ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
Fil-11 ta’ Diċembru 2019 il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2019/43 wara talba tal-President tal-Kunsill Ewropew. Stqarrija għall-istampa relatata tinsab fil-websajt tal-BĊE.
Sħubija fil-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE
Fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sur Josef Bonnici bħala membru tal-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE għat-tieni mandat ta' tliet snin, li se jintemm fit-30 ta’ Novembru 2022.
Ħatra ta’ membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami
Fit-18 ta’ Diċembru 2019, wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bord Superviżorju, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li s-Sur Gerd Häusler, eks President tal-Bord Superviżorju tal-Bayerische Landesbank u eks membru tal-Bord Eżekuttiv tad-Deutsche Bundesbank, jinħatar bħala membru tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għal perjodu ta’ ħames snin.
Reviżjoni ta’ kull tliet snin tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ
Fit-18 ta’ Diċembru 2019, bħala parti mir-reviżjoni li ssir kull tliet snin tal-mandati tal-kumitati, il-Kunsill Governattiv tawwal il-mandati tal-kumitati tal-Eurosistema/SEBĊ stabbiliti skont l-Artikolu 9.1 tar-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE għal terminu ieħor li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022, u reġgħu ħatru l-presidenti tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2022 bi tliet eċċezzjonijiet. Il-Kunsill Governattiv ħatar lis-Sinjura Imène Rahmouni-Rousseau, id-Direttur Ġenerali tal-Operazzjonijiet tas-Suq, bħala l-President li jmiss tal-Kumitat tal-Operazzjonijiet tas-Suq b’effett mill-1 ta’ Frar 2020, u approva estensjoni temporanja tal-mandat tal-Presidenti, aġenti jew interim, tal-Kumitat tal-Ġestjoni tar-Riskju u l-Kumitat tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, li l-Presidenti permanenti tagħhom ser jiġu deċiżi matul l-2020. Il-lista sħiħa tal-kumitati tinsab fir-Rapport Annwali tal-BĊE.
Karti tal-flus
Deċiżjoni li temenda dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkolazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro
Fil-5 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Governattiv adotta d-Deċiżjoni BĊE/2019/39 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Id-Deċiżjoni li temenda tintroduċi bidliet immirati lejn it-titjib tal-effiċjenza tar-riċirkolazzjoni tal-flus, billi tinkorpora Magni li Jagħtu l-Muniti bħala kategorija ġdida ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, u tikkjarifika l-obbligi ta’ rappurtar tal-kaxxiera. Id-deċiżjoni li temenda ser tiġi ppubblikata eventwalment fil-websajt tal-BĊE.
Superviżjoni bankarja
Deċiżjonijiet SREP li jistabbilixxu rekwiżiti prudenzjali
Bejn l-14 ta’ Novembru u t-13 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal diversi settijiet ta’ proposti mill-Bord ta' Sorveljanza li jistabbilixxi rekwiżiti prudenzjali għal total ta’ 94 entità taħt superviżjoni. Kull destinatarju ngħata l-opportunità li jikkummenta dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni rilevanti, li kien ibbażat fuq il-Proċess Superviżorju ta’ Rieżami u Evalwazzjoni (SREP) immexxi mill-BĊE u awtoritajiet kompetenti oħra. Ladarba approvati, id-Deċiżjonijiet finali ġew nnotifikati lil kull entità taħt superviżjoni individwali.
Deċiżjonijiet tal-BĊE dwar is-sinifikat ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni
Fit-18 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju biex ibiddel l-istatus ta’ sinifikanza ta' ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni. Il-lista ta' entitajiet taħt superviżjoni tiġi aġġornata regolarment u tinsab fis-sit tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE. Wara r-reviżjoni annwali tas-sinifikat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-BĊE ħabbar li ser jissorvelja direttament 117-il bank fl-2020 (ara l-istqarrija għall-istampa relatata ppubblikata fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE fl-4 ta’ Diċembru 2019).
Sanzjoni imposta fuq entità sorveljata għal ksur tar-rekwiżiti tar-rappurtar
Fit-3 ta’ Diċembru 2019 il-BĊE ħabbar li kien impona penali ta’ €1,850,000 fuq Natixis Wealth Management Luxembourg talli kisret il-limitu tal-iskoperturi kbar u r-rekwiżiti ta’ rappurtar tal-iskoperturi kbar fl-2016 u fl-2017. Iżjed tagħrif dettaljat jinsab fi stqarrija għall-istampa relatata disponibbli fil-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Qafas legali rivedut dwar it-tariffa superviżorja tal-BĊE
Fil-5 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Governattiv adotta r-Regolament BĊE/2019/37 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 dwar it-tariffi superviżorji, u d-Deċiżjoni BĊE/2019/38 dwar il-metodoloġija u l-proċeduri għad-determinazzjoni u l-ġbir ta’ data dwar il-fatturi tariffarji użati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali (riformulazzjoni). Iż-żewġ atti legali qiesu l-kummenti rċevuti matul żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi fl-2017 u fl-2019. Id-dikjarazzjonijiet ta’ rispons rispettivi ta' dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi ġew approvati għall-pubblikazzjoni mill-Kunsill Governattiv. L-eżitu tal-aħħar konsultazzjoni pubblika jikkonferma li l-metodoloġija attwali tal-BĊE għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji huwa meqjus ġust u li kienu meħtieġa biss aġġustamenti limitati biex jittejjeb il-qafas. Il-bidliet ewlenin jikkonsistu f’li (i) jinġabru tariffi ex-post minflok fuq il-bażi tal-ispejjeż stmati, (ii) jiġi introdott skont fuq il-komponent tat-tariffa minima għal istituzzjonijiet żgħar inqas sinifikanti, (iii) jiġu semplifikati miżuri, bħal użu mill-ġdid tad-data superviżorja disponibbli fil-BĊE u li tiġi pprovduta ittra tal-maniġment minflok verifika tal-awditur għall-assi totali għall-friegħi, u (iv) li jiġu pprovduti avviżi ta’ ħlas fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE. Iż-żewġ atti legali, flimkien mad-dikjarazzjoni tar-rispons tal-pubbliku għall-konsultazzjoni pubblika tal-2019 u stqarrija għall-istampa relatata, huma disponibbli fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE.
Programm ta’ Eżami Superviżorju ta' spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta' mudelli interni għall-2020
Fil-5 ta’ Diċembru 2019 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta tal-Bord Superviżorju li japprova l-Programm ta’ Eżami Superviżorju 2020 (SEP) ta' spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet ta' mudelli interni għal istituzzjonijiet sinifikanti fi ħdan is-superviżjoni bankarja Ewropea. Is-SEP fuq il-post huwa bbażat fuq il-Prijoritajiet Superviżorji 2020 ippubblikati fuq il-websajt tas-superviżjoni bankarja tal-BĊE f'Ottubru 2019.
Deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-proċess tal-ġbir tad-dejta relatat mas-SREP
Fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex japprova Deċiżjonijiet li jitolbu l-informazzjoni komplementari minn 113-il bank li hija meħtieġa biex iwettaq s-SREP fl-2020. Ladarba approvati, id-Deċiżjonijiet kellhom jiġu nnotifikati lil kull entità taħt superviżjoni individwali.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja