Il-karti tal-euro foloz jonqsu bi ftit fit-tieni nofs tal-2015
- 445,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2015
- 83% tal-karti tal-flus foloz kienu tal-€20 u l-€50
- Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu ċċekkjati bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”
- Il-karti tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas fdat u sigur
Il-Bank Ċentrali Ewropew ħabbar illum li madwar 445,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2015, 2% inqas miċ-ċifra għall-ewwel nofs tas-sena. It-total ta’ karti tal-flus foloz jibqa’ żgħir ħafna meta jitqabbel mal-għadd ta’ karti tal-flus tajbin fiċ-ċirkolazzjoni li kulma jmur qiegħed jiżdied (aktar minn 18-il biljun fit-tieni nofs tal-2015).
Hawn taħt jidhru ċ-ċifri għal kull sitt xhur:
Perjodu |
2012/2 | 2013/1 | 2013/2 | 2014/1 | 2014/2 | 2015/1 | 2015/2 |
Total ta’ karti tal-flus foloz | 280,000 | 317,000 | 353,000 | 331,000 | 507,000 | 454,000 | 445,000 |
Minn kemm ilha li ħarġet l-ewwel sensiela ta’ karti tal-euro, l-Eurosistema – i.e. il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u d-19-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – ħeġġet lill-pubbliku joqgħod attent meta jiġu f’idejh karti tal-flus. Il-karti tal-flus tajbin jintgħarfu faċilment bil-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fil-paġni dwar l-euro fil-websajts tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema.
L-Eurosistema tikkomunika b’diversi modi biex tgħin lin-nies jagħrfu l-karti tal-flus tajbin minn dawk foloz u biex tgħin lill-kaxxiera professjonali jaċċertaw ruħhom li l-magni li jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu kapaċi jidentifikaw b’mod affidabbli u jneħħu l-karti tal-flus foloz miċ-ċirkolazzjoni.
Jekk tiġi f’idejk karta tal-flus dubjuża, għandek tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hija tajba. Jekk tikkonferma d-dubji, ikkuntattja lill-pulizija jew lill-bank ċentrali ta’ pajjiżek, skont il-prattika nazzjonali. L-Eurosistema tappoġġa lill-aġenziji li jinfurzaw il-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni.
L-Eurosistema għandha dmir tissalvagwarda l-integrità tal-karti tal-euro u tkompli ttejjeb it-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. Il-karti tal-flus tas-sensiela Europa huma aktar siguri u jgħinu lill-pubbliku jsaħħaħ il-fiduċja tiegħu fil-munita unika.
Hawn taħt tidher analiżi skont id-denominazzjonijiet tal-karti tal-flus foloz li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fit-tieni nofs tal-2015.
Denominazzjoni |
€5 | €10 | €20 | €50 | €100 | €200 | €500 |
Analiżi perċentwali |
1.1% | 3.0% | 46.2% | 37.1% | 10.1% | 1.2% | 1.3% |
F’dan il-perjodu:
- Il-karti tal-€20 u l-€50 baqgħu l-aktar denominazzjonijiet li ġew iffalsifikati. Imqabbel maċ-ċifri rrappurtati għall-ewwel nofs tal-2015, il-proporzjon ta’ karti foloz tal-€20 naqas filwaqt li dak tal-karti foloz tal-€50 żdied. Flimkien kienu jgħoddu 83.3% tat-total tal-karti tal-flus foloz.
- Il-biċċa l-kbira (98.0%) tal-karti tal-flus foloz instabet fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Madwar 1.3% biss instabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li mhumiex fiż-żona tal-euro u anqas minn 0.7% instabu f’partijiet oħra tad-dinja.
Il-karta l-ġdida tal-€20, bil-karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda tagħha, ħarġet fil-25 ta’ Novembru 2015. Il-manifatturi tal-apparat li jipproċessa l-karti tal-flus u fornituri oħra se jkomplu jsibu l-għajnuna tal-Eurosistema biex jadattaw il-magni u t-tagħmir tal-awtentikazzjoni tagħhom għall-karta l-ġdida. Jekk l-apparat tagħhom jibqa’ ma jaċċettax din il-karta tal-flus, l-operaturi u s-sidien għandhom jikkuntattjaw lill-fornituri jew lill-manifatturi tagħhom mill-aktar fis.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, il-persuni ta’ kuntatt huma William Lelieveldt (+49 69 1344 7316) jew Eva Taylor (+49 69 1344 7162).
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja