- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro tbaxxiet iktar fl-ewwel sitt xhur tal-2019
26 ta’ Lulju 2019
- 251,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2019
- Madwar 80% ta' dawk il-karti tal-flus foloz kienu tal-€20 u l-€50
- Il-karti tal-euro jibqgħu mezz ta’ ħlas fdat u sigur
- Il-karti kollha tal-euro jistgħu jiġu ċċekkjati bil-metodu “ħoss, ħares u mejjel”
Madwar 251,000 karta tal-euro falza tneħħew miċ-ċirkolazzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2019, tnaqqis ta' 4.2% imqabbel mat-tieni sitt xhur tal-2018 u 16.6% inqas mill-ewwel sitt xhur tal-2018. Il-probabbiltà li tirċievi flus iffalsifikati hija verament baxxa billi l-għadd ta' karti tal-flus foloz jibqa' baxx ħafna meta jitqabbel mal-għadd tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni, li minn meta ġew introdotti l-ewwel darba, baqa' dejjem jiżdied, b'rati li huma iżjed minn dik tat-tkabbir tal-PDG. Fl-2018, l-għadd u l-valur ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni żdiedu b'madwar 5.6% u 5.2% rispettivament. Bħalissa hemm iżjed minn 22 biljun karta tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, b'valur totali ta' iżjed minn €1.2 triljun.
Iċ-ċifri għal kull sitt xhur jidhru hawn taħt:
Perjodu |
L-ewwel sitt xhur tal-2016 |
It-tieni sitt xhur tal-2016 |
L-ewwel sitt xhur tal-2017 |
It-tieni sitt xhur tal-2017 |
L-ewwel sitt xhur tal-2018 |
It-tieni sitt xhur tal-2018 |
L-ewwel sitt xhur tal-2019 |
Numru ta’ karti tal-flus foloz |
331,000 |
353,000 |
331,000 |
363,000 |
301,000 |
262,000 |
251,000 |
Analiżi skont id-denominazzjoni:
Denominazzjoni |
€5 |
€10 |
€20 |
€50 |
€100 |
€200 |
€500 |
Perċentwali tat-total |
1.6% |
3.0% |
27.9% |
54.2% |
10.4% |
1.4% |
1.5% |
Matul l-ewwel sitt xhur tal-2019:
- Il-karti tal-€20 u l-€50 baqgħu l-aktar denominazzjonijiet li ġew iffalsifikati, flimkien jammontaw għal iktar minn 80% tal-flus foloz kollha.
- il-biċċa l-kbira tal-karti tal-flus foloz (97.2%) instabet fil-pajjiżi taż-żona tal-euro. Il-bqija nstabu fl-Istati Membri tal-UE mhux taż-żona tal-euro tal-UE (2.1%) u f’partijiet oħra tad-dinja (0.7%).
Iċċekkja l-karti tal-flus tiegħek!
Minn kemm ilha li ħarġet l-ewwel sensiela ta’ karti tal-euro, l-Eurosistema – i.e. il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u d-19-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro – ħeġġet lill-pubbliku joqgħod attent meta jirċievi karti tal-flus. Tista' tiċċekkja l-karti tal-flus tiegħek bil-metodu sempliċi “ħoss, ħares u mejjel” imfisser fit-taqsima “L-€uro” fil-websajt tal-BĊE u l-websajts tal-banek ċentrali nazzjonali. Jekk tirċievi karta tal-flus li tqajjem suspett, għandek tqabbilha ma’ waħda li tkun taf li hi tajba. Jekk tikkonferma s-suspetti tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-pulizija, jew lill-bank ċentrali ta’ pajjiżek jew lill-bank li taħdem bih jew bank kummerċjali jew bl-imnut, skont il-prattika nazzjonali. L-Eurosistema tappoġġa lill-aġenziji li jinfurzaw il-liġi fil-ġlieda tagħhom kontra l-falsifikazzjoni.
L-Eurosistema tikkomunika b’diversi modi biex tgħin lin-nies jagħrfu l-karti tal-flus tajbin minn dawk foloz, u biex tgħin lill-kaxxiera professjonali jaċċertaw ruħhom li l-magni li jipproċessaw il-karti tal-flus ikunu kapaċi jidentifikaw b’mod affidabbli l-karti tal-flus foloz u jneħħuhom miċ-ċirkolazzjoni.
L-Eurosistema għandha dmir tissalvagwarda l-integrità tal-karti tal-euro u tkompli ttejjeb it-teknoloġija tal-produzzjoni tal-karti tal-flus. It-tieni sensiela tal-karti tal-flus – is-sensiela Europa – hija terġa’ aktar sigura u qed tgħin lill-pubbliku jżomm il-fiduċja tiegħu fil-munita.
Karta tal-flus ġodda tal-€100 u l-€200 b'karatteristiċi tas-sigurtà mtejba daħlu fiċ-ċirkolazzjoni fit-28 ta’ Mejju 2019. Dan kien jimmarka t-tlestija tas-sensiela Europa, li involva ħafna snin ta’ preparazzjoni u kooperazzjoni fi ħdan l-Eurosistema.
Għall-mistoqsijiet mill-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Esther Tejedor, tel.: +49 69 1344 95596
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja