- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
Il-Ħamis, 7 ta' Marzu 2024
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jżomm l-istess it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE. Sa mill-aħħar laqgħa tal-Kunsill Governattiv f’Jannar, l-inflazzjoni kompliet tonqos. Fl-aħħar tbassir mill-persunal tal-BĊE, l-inflazzjoni ġiet riveduta ’l isfel, b’mod partikolari għall-2024, li jirrifletti kontribuzzjoni aktar baxxa mill-prezzijiet tal-enerġija. Il-persunal issa jbassar li l-inflazzjoni se tilħaq medja ta’ 2.3% fl-2024, 2.0% fl-2025 u 1.9% fl-2026. It-tbassir għall-inflazzjoni li teskludi l-ikel u l-enerġija wkoll ġie revedut ’l isfel u b’medja ta’ 2.6% għall-2024, 2.1% għall-2025 u 2.0% għall-2026. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti komplew itaffu aktar, il-pressjonijiet tal-prezzijiet domestiċi jibqgħu għoljin, parzjalment minħabba żieda qawwija fil-pagi. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament huma restrittivi u ż-żidiet fir-rati tal-imgħax fl-imgħoddi jibqgħu ta’ piż fuq id-domanda, li qed jgħin biex titnaqqas l-inflazzjoni. Il-pesunal irreveda ’l isfel it-tbassir tiegħu għall-2024 għal 0.6%, bl-attività ekonomika mistennija li tibqa’ kajmana fil-perjodu ta’ żmien fil-qrib. Wara, il-persuna jistenna li l-ekonomija tirpilja u tikber għal 1.5% fl-2025 u 1.6% fl-2026, appoġġata inizjalment mill-konsum u wara wkoll mill-investiment.
Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni tmur lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq perjodu ta’ żmien medju f’waqtu. Abbażi tal-valutazzjoni attwali tiegħu, il-Kunsill Governattiv jikkunsidra li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jinsabu f’livelli li, jekk jinżammu għal żmien twil biżżejjed, se jagħtu kontribut sostanzjali għal dan il-għan. Id-deċiżjonijiet futuri tal-Kunsill Governattiv se jiżguraw li r-rati tal-politika jiġu ffissati f’livelli restrittivi biżżejjed għat-tul taż-żmien li jkun meħtieġ.
Il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ dipendenti mid-data biex jiddetermina l-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tasal, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE
Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jibqgħu l-istess fil-livelli ta’ 4.5%, 4.75% u 4.00% rispettivament.
Programm ta' xiri ta' assi (APP) u programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)
Il-portafoll tal-APP qed jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, hekk kif l-Eurosistema ma għadhiex tinvesti l-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw.
Il-Kunsill Governattiv beħsiebu jkompli jinvesti mill-ġdid, bis-sħiħ, il-ħlasijiet ta’ kapital minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP matul l-ewwel nofs tal-2024. Matul it-tieni nofs tas-sena, beħsiebu jnaqqas il-portafoll tal-PEPP b’€7.5 biljun fix-xahar bħala medja. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024.
Il-Kunsill Governattiv għalhekk se jkompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni relatati mal-pandemija.
Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament
Hekk kif il-banek qegħdin iħallsu lura l-ammonti meħuda b’self taħt l-operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament għal żmien itwal, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif operazzjonijiet ta’ tislif immirati u l-ħlas lura kontinwu tagħhom qegħdin jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tiegħu tal-politika monetarja.
***
Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq perjodu ta’ żmien medju u biex jiġi ppreżervat il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument tal-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jikkumbatti dinamiċi tas-suq mhux ġustifikati u diżordinati li huma ta’ theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja madwar il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, biex b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal- prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja