Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)

Ottubru 2024

18 ta’ Ottubru 2024

Operazzjonijiet tas-suq

Rieżami regolari tal-ftehim fuq l-assistenza ta’ likwidità f’emerġenza (ELA, emergency liquidity assistance)

Fis-27 ta’ Settembru 2024, il-Kunsill Governattiv adotta verżjoni riveduta tal-ftehim dwar l-ELA, li fiha informazzjoni aktar dettaljata dwar l-elementi ewlenin li jiġu kkunsidrati meta tiġi pprovduta ELA. B’mod partikolari, tintroduċi l-konformità mal-proporzjon tal-ingranaġġ bħala kriterju ta’ solvenza tal-ELA lil istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-verżjoni riveduta tintroduċi wkoll il-prinċipju ewlieni li l-kollateral tal-ELA għandu jipproteġi b’mod suffiċjenti lill-bank ċentrali nazzjonali kontra riskji li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tal-ELA. Il-ftehim, li huwa disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE, imissu jiġi rivedut fl-2027.

Infrastruttura tas-suq u pagamenti

Konsultazzjoni pubblika fuq abbozz ta’ regolament riformulat tal-BĊE dwar rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti

Fl-4 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv approva abbozz ta’ Regolament tal-BĊE li jirriformola r-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 795/2014 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28) (minn hawn ‘il quddiem ir-“Regolament SIPS”) u approva t-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika ta’ sitt ġimgħat dwar l-abbozz ta’ regolament riformulat. Minħabba li r-Regolament SIPS ġie emendat sostanzjalment diversi drabi, wara rieżami mill-Kunsill Governattiv tal-applikazzjoni ġenerali tar-Regolament SIPS skont l-Artikolu 24 tiegħu u valutazzjoni ta’ dak li għandu bżonn jiġi emendat, riformulazzjoni tar-Regolament SIPS tqieset neċessarja fl-interess taċ-ċarezza. Il-materjal relatat ma’ din il-konsultazzjoni pubblika, li tibqa’ għaddejja sad-29 ta’ Novembru 2024, huwa disponibbli fis-sit web tal-BĊE.

Governanza korporattiva

Il-mandat tal-Uffiċċju tal-Eurosistema għall-Koordinament tal-Akkwist (EPCO) mill-2025 sal-2029

Fl-4 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-evalwazzjoni pożittiva tat-tielet mandat tal-EPCO sa mill-istabbiliment tiegħu (ara d-Deċiżjoni BĊE/2008/17) u approva l-mandat għar-raba’ mandat tiegħu, mill-2025 sal-2029. Dan l-aħħar, il-Banque centrale du Luxembourg inħatar mill-Kunsill Governattiv biex ikompli jospita l-EPCO għal dak l-istess perjodu. L-EPCO jidentifika, jivvaluta u jikkoordina l-akkwisti konġunti ta’ oġġetti u servizzi meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurosistema, bil-għan li jiġu massimizzati l-effiċjenza fl-infiq u l-effettività.

Allokazzjoni tar-responsabbiltajiet tar-rappreżentanti tal-BĊE fuq il-Bord Superviżorju

Fit-8 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv ħa nota tal-allokazzjoni aġġornata tar-responsabbiltajiet tar-rappreżentanti tal-BĊE fuq il-Bord Superviżorju minħabba t-tliet membri ġodda, Patrick Montagner, Sharon Donnery u Pedro Machado, li bdew il-mandat tagħhom fl-1 ta’ Settembru 2024, fl-1 ta’ Jannar 2025 u fl-1 ta’ Marzu 2025 rispettivament. Dawn ir-responsabbiltajiet sejrin jiġu riflessi fl-għażla tal-“oqsma ta’ interess” tas-CVs rispettivi tagħhom fiż-żmien dovut fuq is-sit elettroniku tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

Statistika

Rapport annwali 2023 dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni statistika individwali miġbura mill-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali

Fis-27 ta Settembru 2024, il-Kunsill Governattiv, bil-benefiċċju ta’ osservazzjonijiet mill-membri tal-Kunsill Ġenerali, approva r-rapport tal-2023 bit-titolu “Statistical confidentiality protection in the European System of Central Banks (ESCB)” u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Ir-rapport, huwa disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE u fuq is-siti web tal-BĊN li għażlu li jippubblikawh huma wkoll.

Il-Linja Gwida (UE) 2021/831 dwar tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat dwar intermedjarji finanzjarji minbarra istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2021/12)

Fl-10 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill Governattiv, bil-benefiċċju tal-osservazzjonijiet mill-membri tal- Kunsill Governattiv, adotta l-Linja Gwida BĊE/2024/27 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2021/831 dwar tagħrif statistiku li għandu jiġi rrapportat fuq intermedjarji finanzjarji minbarra istituzzjonijiet finanzjarji monetarji. Il-Linja gwida emendatorja tallinja d-dispożizzjonijiet dwar it-trasmissjoni tal-istatistiċi tal-fond ta’ investiment aggregat mill-BĊN lill-BĊE ma’ dawk fir-Regolament (UE) 2024/1988 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Ġunju 2024 dwar statistika dwar fondi ta’ investiment u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/32 (BĊE/2014/62) (BĊE/2024/17). Barra minn hekk, tintroduċi t-trażmissjoni ta’ data fond-fond mill-BĊN għall-BĊE. Il-Linja ta’ gwida se tiġi ppubblikata fuq EUR-Lex fiż-żmien dovut.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja