- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-Politika Monetarja
10 ta’ Diċembru 2020
Fid-dawl tal-konsegwenzi ekonomiċi minħabba l-qawmien mill-ġdid tal-pandemija, illum il-Kunsill Governattiv ikkalibra mill-ġdid l-istrumenti tal-politika monetarja tiegħu kif ġej:
L-ewwel nett, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jibqgħu l-istess f’0.00 fil-mija, 0.25 fil-mija u -0.50 fil-mija rispettivament. Il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jibqgħu fil-livelli preżenti tagħhom jew aktar baxxi sakemm jara l-prospetti tal-inflazzjoni jikkonverġu b’mod qawwi għal livell viċin biżżejjed, iżda taħt, it-2 fil-mija fl-orizzont tal-projezzjoni tiegħu, u tali konverġenza kienet konsistentement riflessa fid-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti.
It-tieni nett, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid il-pakkett tal-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP) b’ €500 biljun għal total ta’ €1,850 biljun. Huwa estenda wkoll l-orizzont għal xiri nett taħt il-PEPP għal mill-inqas l-aħħar ta’ Marzu 2022. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Governattiv se jwettaq xiri nett sakemm iqis li l-fażi tal-kriżi tal-koronavirus spiċċat.
Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jestendi l-investiment mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-inqas tmiem l-2023. Fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni futura tal-portafoll tal-PEPP ser tkun ġestita biex tevita interferenza mal-pożizzjoni tal-politika monetarja xierqa.
It-tielet nett, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jikkalibra ulterjorment mill-ġdid il-kundizzjonijiet tat-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament immirati fuq żmien itwal (TLTRO III). Speċifikament, huwa ddeċieda li jestendi l-perjodu li matulu ser japplikaw termini konsiderevolment aktar favorevoli bi tnax-il xahar, sa Ġunju 2022. Ser isiru wkoll tliet operazzjonijiet addizzjonali bejn Ġunju u Diċembru 2021. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli l-ammont totali li l-kontropartijiet ser ikunu intitolati li jissellfu f’operazzjonijiet TLTRO III minn 50 fil-mija għal 55 fil-mija tal-istokk tagħhom ta’ self eliġibbli. Sabiex jiġi pprovdut inċentiv għall-banek biex isostnu l-livell attwali ta’ self bankarju, il-kundizzjonijiet ta’ self ikkalibrati mill-ġdid tat-TLTRO III se jkunu disponibbli biss għall-banek li jiksbu mira ġdida ta’ prestazzjoni tas-self
Ir-raba’ nett, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi sa Ġunju 2022 it-tul tas-sett ta’ miżuri ta’ taffija tal-kollateral adottati mill-Kunsill Governattiv fis-7 u t-22 ta’ April 2020. L-estensjoni ta’ dawn il-miżuri se tkompli tiżgura li l-banek jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-operazzjonijiet ta’ likwidità tal-Eurosistema, l-aktar it-TLTROs ikkalibrati mill-ġdid. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta mill-ġdid il-miżuri ta’ taffija tal-kollateral qabel Ġunju 2022, biex jiġi żgurat li l-parteċipazzjoni tal-kontropartijiet tal-Eurosistema fl-operazzjonijiet TLTRO III ma tkunx affettwata ħażin
Il-ħames nett, il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li joffri erba’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament addizzjonali għall-emerġenza pandemika fuq żmien itwal (PELTROs) fl-2021, li se jkomplu jipprovdu appoġġ effettiv ta’ likwidità
Is-sitt nett, ix-xiri nett taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP) se jkompli b’pass ta’ kull xahar ta’ €20 biljun. Il-Kunsill Governattiv ikompli jistenna li x-xiri ta’ assi netti ta’ kull xahar taħt l-APP jibqa’ għaddej sakemm ikun meħtieġ biex isaħħaħ l-impatt ta’ akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu, u jispiċċa ftit qabel ma jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE
Il-Kunsill Governattiv beħsiebu wkoll ikompli jinvesti mill-ġdid, b’mod sħiħ, il-pagamenti prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perjodu estiż ta’ żmien li jgħaddi mid-data meta jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad abbundanti ta’ akkomodament monetarju.
Is-seba’ nett, il-faċilità ta’ repo tal-Eurosistema għal banek ċentrali (EUREP) u l-linji ta’ swap u repo temporanji kollha ma’ banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro ser jiġu estiżi sa Marzu 2022.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jkompli jmexxi l-operazzjonijiet ta’ self regolari tiegħu bħala proċeduri ta’ offerti b’rata fissa b’allokazzjoni sħiħa fil-kundizzjonijiet prevalenti sakemm ikun meħtieġ.
Stqarrijiet għall-istampa separati b’aktar dettalji tal-miżuri meħuda mill-Kunsill Governattiv jiġu ppubblikati llum waranofsinhar fit-15:30 CET.
Il-miżuri tal-politika monetarja meħuda llum se jikkontribwixxu għall-preservazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli matul il-perjodu tal-pandemija, u b’hekk jappoġġjaw il-fluss ta’ kreditu lis-setturi kollha tal-ekonomija, isostnu l-attività ekonomika u jissalvagwardjaw l-istabbiltà tal-prezzijiet fuq terminu medju. Fl-istess ħin, l-inċertezza tibqa’ għolja, inkluż fir-rigward tad-dinamika tal-pandemija u ż-żmien tal-introduzzjoni tal-vaċċin. Ser inkomplu wkoll nimmonitorjaw l-iżviluppi fir-rata tal-kambju fir-rigward tal-implikazzjonijiet possibbli tagħhom għall-prospetti tal-inflazzjoni fuq żmien medju. Il-Kunsill Governattiv għalhekk ikompli jkun lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni timxi lejn l-għan tagħha b’mod sostnut, skont l-impenn tiegħu għas-simetrija.
Il-President tal-BĊE ser tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet waqt konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftieħem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż..
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja