- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
10 ta' Marzu 2022
L-invażjoni Russa tal-Ukraina hija ġrajja b’konsegwenzi kbar għall-Ewropa. Il-Kunsill Governattiv jesprimi l-appoġġ kollu tiegħu lill-poplu tal-Ukraina. Se jiżgura kundizzjonijiet ta' likwidità bla xkiel u jimplimenta s-sanzjonijiet deċiżi mill-Unjoni Ewropea u l-Gvernijiet Ewropej. Il-Kunsill Governattiv se jieħu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex iwettaq il-mandat tal-BĊE biex ifittex l-istabbiltà tal-prezzijiet u biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja.
Programm ta' xiri ta' assi (APP)
Fuq il-bażi tal-valutazzjoni aġġornata tiegħu u inkunsiderazzjoni tal-ambjent inċert, il-Kunsill Governattiv illum irreveda l-iskeda tax-xiri għall-APP tiegħu għax-xhur li ġejjin. Ix-xiri nett ta’ kull xahar taħt l-APP se jammonta għal €40 biljun f’April, €30 biljun f’Mejju u €20 biljun f’Ġunju. Il-kalibrazzjoni tax-xiri nett għat-tielet trimestru se tkun dipendenti mid-data u tirrifletti l-valutazzjoni li qed tevolvi tagħha tal-prospetti. Jekk id-data li tidħol tappoġġja l-aspettattiva li l-prospetti tal-inflazzjoni fuq żmien medju ma jiddgħajfux anki wara t-tmiem tax-xiri nett tal-assi tiegħu, il-Kunsill Governattiv se jikkonkludi xiri nett taħt l-APP fit-tielet trimestru. Jekk il-prospettiva tal-inflazzjoni fuq żmien medju tinbidel u jekk il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament isiru inkonsistenti ma’ aktar progress lejn il-mira ta’ 2%, il-Kunsill Governattiv lest jirrevedi l-iskeda tiegħu għax-xiri nett ta’ assi f’termini ta’ daqs u/jew tul ta’ żmien.
Il-Kunsill Governattiv għandu l-ħsieb ukoll li jkompli jinvesti mill-ġdid, b’mod sħiħ, il-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perjodu estiż ta’ żmien wara d-data meta jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE u, fi kwalunkwe każ, sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u grad abbundanti ta’ akkomodament monetarju.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jibqgħu l-istess f’0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament.
Kwalunkwe aġġustament għar-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE se jseħħ xi żmien wara t-tmiem tax-xiri nett tal-Kunsill Governattiv taħt l-APP u se jkun gradwali. It-triq għar-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE se tkompli tiġi ddeterminata mill-gwida 'l quddiem tal-Kunsill Governattiv u mill-impenn strateġiku tiegħu li jistabbilizza l-inflazzjoni għal 2% fuq żmien medju. Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom sakemm jara l-inflazzjoni tilħaq 2% ferm qabel it-tmiem tal-orizzont tal-projezzjoni tiegħu u b’mod durevoli għall-bqija tal-orizzont tal-projezzjoni, u jiġġudika dak il-progress realizzat fl-inflazzjoni sottostanti huwa avvanzat biżżejjed biex ikun konsistenti mal-inflazzjoni li tistabbilizza għal 2% fuq żmien medju.
Programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP)
Fl-ewwel trimestru tal-2022, il-Kunsill Governattiv qed iwettaq xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP b’pass aktar bil-mod milli fit-trimestru preċedenti. Se jwaqqaf ix-xiri nett ta’ assi taħt il-PEPP fl-aħħar ta’ Marzu 2022.
Il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.
Il-pandemija wriet li, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibbiltà fit-tfassil u t-twettiq tax-xiri tal-assi għenet biex tiġġieled it-trażmissjoni indebolita tal-politika monetarja u għamlet l-isforzi tal-Kunsill Governattiv biex jilħaq l-għan tiegħu aktar effettivi. Fi ħdan il-mandat tal-Kunsill Governattiv, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibbiltà se tibqa’ element tal-politika monetarja kull meta theddid għat-trażmissjoni tal-politika monetarja jipperikola l-kisba tal-istabbiltà tal-prezzijiet. B'mod partikolari, fil-każ ta' frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq relatata mal-pandemija, ir-riinvestimenti tal-PEPP jistgħu jiġu aġġustati b'mod flessibbli matul iż-żmien, il-klassijiet tal-assi u l-ġurisdizzjonijiet fi kwalunkwe ħin. Dan jista' jinkludi xiri ta' bonds maħruġa mir-Repubblika Ellenika minbarra r-rollovers ta' tifdijiet sabiex tiġi evitata interruzzjoni tax-xiri f'dik il-ġurisdizzjoni, li tista' tfixkel it-trażmissjoni tal-politika monetarja lill-ekonomija Griega waqt li tkun għadha qed tirkupra mill-konsegwenzi tal-pandemija. Ix-xiri nett taħt il-PEPP jista' jerġa' jibda wkoll, jekk meħtieġ, biex jikkontrobilanċja ix-xokkijiet negattivi relatati mal-pandemija.
Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament
Il-Kunsill Governattiv se jkompli jimmonitorja l-kundizzjonijiet tal-finanzjament bankarju u jiżgura li l-maturazzjoni tal-operazzjonijiet taħt it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal immirati (TLTRO III) ma ttellifx it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tiegħu. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta wkoll regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu. Kif imħabbar, jistenna li l-kundizzjonijiet speċjali applikabbli taħt TLTRO III jispiċċaw f'Ġunju ta' din is-sena. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta wkoll il-kalibrazzjoni xierqa tas-sistema tiegħu fuq żewġ saffi għal rimunerazzjoni ta’ riżerva sabiex il-politika ta’ rata ta’ imgħax negattiva ma tillimitax il-kapaċità ta’ intermedjazzjoni tal-banek f’ambjent ta’ likwidità abbundanti f’eċċess.
Linji ta' likwidità ma' banek ċentrali mhux taż-żona tal-euro
Fid-dawl tal-ambjent inċert ħafna kkawżat mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna u r-riskju ta’ konsegwenzi reġjonali li jistgħu jaffettwaw ħażin is-swieq finanzjarji taż-żona tal-euro, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jestendi l-faċilità repo tal-Eurosistema għall-banek ċentrali (EUREP) sal-15 ta’ Jannar 2023. L-EUREP għalhekk se tkompli tikkumplimenta l-arranġamenti regolari tal-provvista tal-likwidità tal-euro għall-banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro. Flimkien, dawn jiffurmaw sett komprensiv ta’ faċilitajiet ta’ sostenn biex jindirizzaw il-ħtiġijiet possibbli ta’ likwidità tal-euro fil-każ ta’ disfunzjonijiet tas-suq barra ż-żona tal-euro li jistgħu jaffettwaw ħażin it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tal-BĊE. Talbiet minn banek ċentrali mhux taż-żona tal-euro għal linji ta' likwidità tal-euro individwali se jiġu vvalutati mill-Kunsill Governattiv fuq bażi ta' każ b'każ.
***
Il-Kunsill Governattivi lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu, kif ikun xieraq, biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza fil-mira tiegħu ta’ 2% fuq żmien medju.
Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja