- Stqarrija għall-istampa
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
14 ta' April 2022
L-aggressjoni Russa fl-Ukraina qiegħda tikkawża tbatija enormi. Qiegħda taffettwa wkoll l-ekonomija, fl-Ewropa u lil hinn minnha, Il-kunflitt u l-inċertezza assoċjata qed ikunu ta’ piż kbir fuq il-fiduċja tan-negozji u l-konsumaturi. It-tfixkil fil-kummerċ qed iwassal għal nuqqasijiet ġodda ta’ materjali u kontribuzzjonijiet. Iż-żieda dejjem tikber fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-komoditajiet qed inaqqsu d-domanda u jżommu lura l-produzzjoni. Kif se tiżviluppa l-ekonomija se jiddependi fuq kif jevolvi l-kunflitt, fuq l-impatt tas-sanzjonijiet attwali u fuq miżuri ulterjuri possibbli. Fl-istess ħin, l-attività ekonomika għadha qed tiġi appoġġjata mill-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomija wara l-fażi tal-kriżi tal-pandemija. L-inflazzjoni żdiedet b’mod sinifikanti u se tibqa' għolja fix-xhur li ġejjin, l-aktar minħabba ż-żieda qawwija fl-ispejjeż tal-enerġija. Il-pressjonijiet tal-inflazzjoni intensifikaw f'ħafna setturi.
Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv qies li d-data li waslet mill-aħħar laqgħa tiegħu ssaħħaħ l-istennija tiegħu li x-xiri ta’ assi netti taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi tiegħu għandu jiġi konkluż fit-tielet trimestru. B’ħarsa ’l quddiem, il-politika monetarja tal-BĊE se tiddependi fuq id-data li tidħol u l-valutazzjoni li qed tevolvi tal-prospetti mill-Kunsill Governattiv. Fil-kundizzjonijiet attwali ta’ inċertezza għolja, il-Kunsill Governattiv se jżomm l-għażla, il-gradwaliżmu u l-flessibbiltà fit-tmexxija tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv se jieħu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jitwettaq il-mandat tal-BĊE biex ifittex l-istabbiltà tal-prezzijiet u biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja.
Programm ta’ xiri ta’ assi (APP)
Ix-xiri nett ta’ kull xahar taħt l-APP se jammonta għal €40 biljun f’April, €30 biljun f’Mejju u €20 biljun f’Ġunju. Fil-laqgħa tal-lum il-Kunsill Governattiv qies li d-data li waslet mill-aħħar laqgħa tiegħu ssaħħaħ l-istennija tiegħu li x-xiri ta’ assi netti taħt l-APP għandu jiġi konkluż fit-tielet trimestru. Il-kalibrazzjoni tax-xiri nett għat-tielet trimestru se tkun dipendenti mid-data u tirrifletti l-valutazzjoni li qed tevolvi tal-prospetti tal-Kunsill Governattiv.
Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jibqa’ jinvesti mill-ġdid, kollha kemm huma, il-ħlasijiet ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta’ żmien lil hinn mid-data meta jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u grad abbundanti ta' akkomodament monetarju.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jibqgħu l-istess f’0.00%, 0.25% u -0.50% rispettivament.
Kwalunkwe aġġustament għar-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE se jseħħ xi żmien wara t-tmiem tax-xiri nett tal-Kunsill Governattiv taħt l-APP u se jkun gradwali. It-triq għar-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE se tkompli tiġi ddeterminata mill-gwida ’l quddiem tal-Kunsill Governattiv u mill-impenn strateġiku tiegħu li jistabbilizza l-inflazzjoni għal 2% fuq żmien medju. Għaldaqstant, il-Kunsill Governattiv jistenna li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE jibqgħu fil-livelli attwali tagħhom sakemm jara l-inflazzjoni tilħaq it-2% ferm qabel it-tmiem tal-orizzont tal-projezzjoni tiegħu u b’mod durevoli għall-bqija tal-orizzont tal-projezzjoni, u jqis li dak il-progress realizzat fl-inflazzjoni sottostanti huwa avvanzat biżżejjed biex ikun konsistenti mal-inflazzjoni li tistabbilizza għal 2% fuq żmien medju.
Programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija (PEPP)
Il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.
Fil-każ ta' frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq relatata mal-pandemija, ir-riinvestimenti tal-PEPP jistgħu jiġu aġġustati b’mod flessibbli matul iż-żmien, il-klassijiet tal-assi u l-ġurisdizzjonijiet fi kwalunkwe ħin. Dan jista' jinkludi xiri ta’ bonds maħruġa mir-Repubblika Ellenika minbarra r-rollovers ta’ tifdijiet sabiex tiġi evitata interruzzjoni tax-xiri f’dik il-ġurisdizzjoni, li tista’ tfixkel it-trażmissjoni tal-politika monetarja lill-ekonomija Griega waqt li tkun għadha qed tirkupra mill-konsegwenzi tal-pandemija. Ix-xiri nett taħt il-PEPP jista’ jerġa’ jibda wkoll, jekk meħtieġ, biex jikkontrobilanċja ix-xokkijiet negattivi relatati mal-pandemija.
Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament
Il-Kunsill Governattiv se jkompli jimmonitorja l-kundizzjonijiet tal-finanzjament bankarju u jiżgura li l-maturazzjoni tal-operazzjonijiet taħt it-tielet sensiela ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fuq żmien itwal immirati (TLTRO III) ma ttellifx it-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja tiegħu. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta wkoll regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu. Kif imħabbar, jistenna li l-kundizzjonijiet speċjali applikabbli taħt TLTRO III jispiċċaw f’Ġunju ta’ din is-sena. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta wkoll il-kalibrazzjoni xierqa tas-sistema tiegħu fuq żewġ saffi għal rimunerazzjoni ta’ riżerva sabiex il-politika ta’ rata ta’ imgħax negattiva ma tillimitax il-kapaċità ta’ intermedjazzjoni tal-banek f’ambjent ta’ likwidità abbundanti f’eċċess.
***
Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu, li jinkorpora flessibbiltà jekk dan ikun iġġustifikat, biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza ruħha fil-mira tagħha ta’ 2 % fuq medda medja ta’ żmien. Il-pandemija wriet li, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibbiltà fit-tfassil u t-twettiq tax-xiri tal-assi għenet biex tiġġieled it-trażmissjoni indebolita tal-politika monetarja u għamlet l-isforzi tal-Kunsill Governattiv biex jilħaq l-għan tiegħu aktar effettivi. Fi ħdan il-mandat tal-Kunsill Governattiv, taħt kundizzjonijiet ta’ stress, il-flessibbiltà se tibqa’ element tal-politika monetarja kull meta theddid għat-trażmissjoni tal-politika monetarja jipperikola l-kisba tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:30 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja