- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
15 ta' Diċembru 2022
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE b'50 punt bażi u, abbażi tar-reviżjoni sostanzjali ’ fuq tal-prospetti tal-inflazzjoni, jistenna li jgħollihom aktar. B'mod partikolari, il-Kunsill Governattiv jiġġudika li r-rati tal-imgħax xorta se jkollhom jogħlew b'mod sinifikanti b'pass kostanti biex jilħqu livelli li huma restrittivi biżżejjed biex jiżguraw ritorn f'waqtu tal-inflazzjoni għall-mira ta’ 2 % fuq terminu medju. Iż-żamma tar-rati tal-imgħax f'livelli restrittivi maż-żmien se tnaqqas l-inflazzjoni billi tnaqqas id-domanda u se tħares ukoll kontra r-riskju ta' bidla persistenti ’l fuq fl-aspettattivi tal-inflazzjoni. Id-deċiżjonijiet futuri dwar ir-rati ta’ politika tal-Kunsill Governattiv se jkomplu jiddependu mid-data u jsegwu approċċ ta’ laqgħa wara laqgħa.
Ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE huma l-għodda ewlenija tal-Kunsill Governattiv biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv illum iddiskuta wkoll prinċipji għan-normalizzazzjoni tal-parteċipazzjonijiet tat-titoli tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Mill-bidu ta’ Marzu 2023 ’il quddiem, il-portafoll tal-programm tax-xiri tal-assi (APP) se jonqos b’pass imkejjel u prevedibbli, peress li l-Eurosistema mhux se tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali kollha minn titoli li jimmaturaw. It-tnaqqis se jammonta għal €15-il biljun fix-xahar bħala medja sa tmiem it-tieni trimestru tal-2023 u l-pass sussegwenti tiegħu se jiġi ddeterminat maż-żmien.
Fil-laqgħa tiegħu ta’ Frar il-Kunsill Governattiv se jħabbar il-parametri dettaljati għat-tnaqqis tal-parteċipazzjonijiet tal-APP. Il-Kunsill Governattiv se jivvaluta mill-ġdid regolarment il-pass tat-tnaqqis tal-portafoll tal-APP biex jiżgura li jibqa’ konsistenti mal-istrateġija u l-pożizzjoni ġenerali tal-politika monetarja, biex jippreserva l-funzjonament tas-suq, u jżomm kontroll sod fuq il-kundizzjonijiet tas-suq tal-flus għal żmien qasir. Sal-aħħar tal-2023, il-Kunsill Governattiv se jirrevedi wkoll il-qafas operattiv tagħna għat-tmexxija tar-rati tal-imgħax fuq żmien qasir, li se jipprovdi informazzjoni dwar il-punt finali tal-proċess ta’ normalizzazzjoni tal-karta tal-bilanċ.
Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli r-rati tal-imgħax illum, u jistenna li jgħollihom b'mod sinifikanti aktar, minħabba li l-inflazzjoni għadha għolja wisq u hija pproġettata li tibqa’ ’l fuq mill-mira għal żmien twil wisq. Skont l-istima preliminari tal-Eurostat, f’Novembru l-inflazzjoni kienet ta’ 10.0%, ftit anqas mill-10.6% rreġistrata f’Ottubru. It-tnaqqis irriżulta l-aktar minn inflazzjoni iktar baxxa fil-prezz tal-enerġija. L-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel u l-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet fi ħdan l-ekonomija ssaħħew u se jippersistu għal xi żmien. Fost inċertezza eċċezzjonali, il-persunal tal-Eurosistema rreveda b'mod sinifikanti l-projezzjonijiet tal-inflazzjoni tagħhom. Issa jaraw li l-inflazzjoni medja tilħaq 8.4% bħala medja fl-2022 qabel tonqos għal 6.3% fl-2023, bl-inflazzjoni mistennija tonqos b’mod notevoli matul is-sena. L-inflazzjoni hija mbagħad imbassra li tkun medha ta’ 3.4 % fl-2024 u 2.3 % fl-2025. L-inflazzjoni bl-esklużjoni tal-enerġija u tal-ikel hija mbassra li tkun medja ta’ 3.9% fl-2022 u li titla’ għal 4.2% fl-2023, qabel tinżel għal 2.8% fl-2024 u 2.4% fl-2025.
L-ekonomija taż-żona tal-euro tista’ tiċkien fit-trimestru kurrenti u t-trimestru li jmiss, minħabba l-kriżi tal-enerġija, inċertezza għolja, attività ekonomika globali li qed tiddgħajjef u kundizzjonijiet ta’ finanzjament aktar stretti. Skont l-aħħar projezzjonijiet tal-persunal tal-Eurosistema, riċessjoni tkun relattivament qasira u baxxa. It-tkabbir huwa madankollu mistenni li jkun mrażżan is-sena d-dieħla u ġie rrivedut ’l isfel b'mod sinifikanti meta mqabbel mal-projezzjonijiet preċedenti. Lil hinn minn żmien fil-qrib, it-tkabbir huwa mbassar li jirkupra hekk kif ostakoli attwali jonqsu. B’mod ġenerali, il-projezzjonijiet tal-persunal tal-Eurosistema issa qegħdin jaraw l-ekonomija tikber bi 3.4% fl-2022, 0.5% fl-2023, 1.9% fl-2024 u 1.8% fl-2025.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’50 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità ta’ self marġinali u l-faċilità ta’ depożitu se jiżdiedu għal 2.50%, 2.75% u 2.00% rispettivament, b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2022.
Programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u l-programm ta’ xiri ta’ emerġenza tal-pandemija (PEPP)
Il-Kunsill Governattiv għandu l-ħsieb li jkompli jinvesti mill-ġdid, b’mod sħiħ, il-ħlasijiet prinċipali minn titoli li jimmaturaw mixtrija taħt l-APP sal-aħħar ta’ Frar 2023. Sussegwentement, il-portafoll tal-APP se jonqos b'pass imkejjel u prevedibbli, peress li l-Eurosistema mhux se tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali kollha minn titoli li jimmaturaw. It-tnaqqis se jammonta għal €15-il biljun fix-xahar bħala medja sa tmiem it-tieni trimestru tal-2023 u l-pass sussegwenti tiegħu se jiġi determinat maż-żmien.
Dwar il-PEPP il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-programm sa mill-anqas l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.
Il-Kunsill Governattiv ser ikompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija
Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament
Hekk kif il-banek qed iħallsu lura l-ammonti mislufa taħt l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament fit-tul immirati, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ self immirat qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.
***
Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fil-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq żmien medju. L-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled dinamiċi mhux iġġustifikati u diżordinati tas-suq li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, u b'hekk jippermetti lill-Kunsill Governattiv iwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta' stabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se tagħti l-fehmiet tagħha fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja