- STQARRIJA INTRODUTTORJA
KONFERENZA STAMPA
Mario Draghi, President tal-BĊE,
Luis de Guindos, Viċi President tal-BĊE,
Frankfurt am Main, 13 ta’ Diċembru 2018
Sinjuri, hu l-pjaċir tal-Viċi President u tiegħi nilqgħukhom għal din il-konferenza stampa. Issa se ngħidulkom x'ħareġ mil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Governattiv, fejn kien preżenti wkoll il-President tal-Eurogroup, is-Sur Centeno.
Wara l-analiżijiet regolari tagħna tas-sitwazzjoni ekonomika u monetarja, ħadna d-deċiżjoni li nżommu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kif inhuma. Għadna nistennew li dawn se jibqgħu fil-livelli preżenti tagħhom għall-inqas tul is-sajf kollu tal-2019, u fi kwalunkwe każ, sakemm ikun meħtieġ biex niżguraw konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li jkunu taħt, imma qrib it-2% fuq żmien medju.
Fir-rigward tal-miżuri straordinarji tal-politika monetarja, ix-xiri nett nett tagħna taħt il-programm ta' xiri ta' assi (APP) ser jintemm f’Diċembru 2018. Fl-istess ħin, qed intejbu l-gwida għall-ġejjieni tagħna fuq l-investiment mill-ġdid. Għaldaqstant, fiħsiebna nkomplu ninvestu mill-ġdid, kollha kemm huma, il-pagamenti ewlenin minn titoli li jimmaturaw u li jkunu nxtraw taħt l-APP għal perijodu estiż ta' żmien lil hinn mid-data meta nibdew ngħollu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet ta' likwidità favorevoli u grad wiesa’ ta' akkomodament monetarju.
Filwaqt li l-informazzjoni li daħlet kienet iktar dgħajfa milli mistenni, li tirrifletti domanda inqas esterna imma wkoll xi fatturi speċifiċi għal xi pajjiżi u setturi, is-saħħa wara d-domanda domestika tkompli ssostni l-espansjoni taż-żona tal-euro u l-pressjonijiet dejjem jiżdiedu tal-inflazzjoni. Dan jappoġġa l-fiduċja tagħna li l-konverġenza sostnuta tal-inflazzjoni mal-għan tagħna se tkompli u se tinżamm anki wara t-tmiem tax-xiri nett ta’ assi tagħna. Fl-istess ħin, għadhom prominenti l-inċertezzi relatati ma’ fatturi ġeopolitiċi, it-theddida tal-protezzjoniżmu, il-vulnerabbiltajiet fis-swieq emerġenti u l-volatilità tas-swieq finanzjarji. Għadu meħtieġ stimolu qawwi tal-politika monetarja biex isostni ż-żieda ulterjuri ta’ pressjonijiet fuq il-prezzijiet domestiċi u l-iżviluppi tal-inflazzjoni ġenerali fuq żmien medju. Il-gwida għall-ġejjieni tagħna dwar ir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, imsaħħa mill-investimenti mill-ġdid tal-ħażniet imdaqqsa ta’ assi mixtrija, tkompli tipprovdi l-grad neċessarju ta' akkomodament monetarju għall-konverġenza sostnuta tal-inflazzjoni għall-għan tagħna. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill Governattiv lest biex jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu kif xieraq biex jiżgura li l-inflazzjoni tibqa’ miexja lejn l-għan għall-inflazzjoni tal-Kunsill Governattiv b’mod sostnut.
Issa se nispjega l-valutazzjoni tagħna b’iżjed reqqa, u nibda bl-analiżi ekonomika. Fuq bażi trimestrali, il-PDG reali taż-żona tal-euro żdied b’0.2% fit-tielet trimestru tal-2018, wara tkabbir ta’ 0.4% fiż-żewġ trimestri ta’ qabel. L-aħħar dejta u riżultati tal-istħarriġ kienu iktar dgħajfa milli mistenni, u dan jirrifletti kontribuzzjoni li qed tonqos mid-domanda esterna u xi fatturi speċifiċi għal kull pajjiż u settur. Filwaqt li xi wħud minn dawn il-fatturi x'aktarx li jbattu, dan jista’ jissuġġerixxi xi momentum ta' tkabbir aktar bil-mod għal quddiem. Fl-istess ħin, id-domanda domestika, appoġġata wkoll mill-pożizzjoni favorevoli tal-politika monetarja tagħna, tkompli ssostni l-espansjoni ekonomika fiż-żona tal-euro. Is-saħħa tas-suq tax-xogħol, kif rifless fil-qligħ kontinwu tal-impjiegi u fil-pagi li qed jogħlew, għadha tappoġġa l-konsum privat. Barra minn hekk, l-investiment fin-negozju qed jibbenefika mid-domanda domestika, kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli u titjib tal-karti tal-bilanċ. L-investiment fir-residenzi baqa’ robust. Barra minn dan, l-espansjoni fl-attività globali mistennija tibqa’ u ssostni l-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro, għalkemm b’ritmu inqas mgħaġġel.
Din il-valutazzjoni hi ġeneralment riflessa fit-tbassir makroekonomiku tal-istaff tal-Eurosistema għaż-żona tal-euro ta’ Diċembru 2018. Dan it-tbassir jipprevedi żieda annwali tal-PDG reali ta' 1.9% fl-2018, 1.7% fl-2019, 1.7% fl-2020 u 1.5% fl-2021. Imqabbla mat-tbassir makroekonomiku ta’ Settembru 2018 tal-Eurosistema, il-prospettiva għat-tkabbir tal-PDG reali ġiet riveduta b’tnaqqis żgħir fl-2018 u fl-2019.
Ir-riskji għall-prospettiva ta' tkabbir fiż-żona tal-euro għadhom jitqiesu bħala ġeneralment ibbilanċjati. Madankollu, il-bilanċ tar-riskji qed jimxi għal tnaqqis minħabba l-persistenza ta’ inċertezzi relatati ma' fatturi ġeopolitiċi, it-theddida ta’ protezzjoniżmu, vulnerabilitajiet fis-swieq emerġenti u volatilità tas-suq finanzjarju.
Skont il-kalkolu preliminari tal-Eurostat, l-inflazzjoni annwali fiż-żona tal-euro mkejla bl-Indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (Harmonised Index of Consumer Prices – HICP) naqset għal 2.0% f’Novembru 2018 minn 2.2% f’Ottubru, li jirrifletti l-iktar tnaqqis fl-inflazzjoni enerġetika. Fuq il-bażi tal-prezzijiet attwali tal-kuntratti future taż-żejt, l-inflazzjoni ġenerali x'aktarx li tonqos fix-xhur li ġejjin. Il-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti ġeneralment jibqgħu żgħar b'mod ġenerali, imma l-pressjonijiet tal-ispiża domestika qed ikomplu jissaħħu u jitwessgħu fost livelli għolja ta’ utilizzazzjoni tal-kapaċità u l-issikkar tas-swieq tax-xogħol, li qed ikabbar iż-żieda fil-pagi. Ħarsa ’l quddiem turi li l-inflazzjoni sottostanti mistennija tiżdied matul żmien medju, bis-sostenn tal-miżuri tagħna għall-politika monetarja, l-espansjoni ekonomika kontinwa u l-pagi li qed jogħlew.
Din il-valutazzjoni hi riflessa wkoll b'mod ġenerali fit-tbassir makroekonomiku tal-istaff tal-Eurosistema ta’ Diċembru 2018 għaż-żona tal-euro, li jipprevedi inflazzjoni HICP annwali ta’ 1.8% fl-2018, 1.6% fl-2019, 1.7% fl-2020 u 1.8% fl-2021. Imqabbla mat-tbassir makroekonomiku ta’ Settembru 2018 tal-Eurosistema, il-prospettiva għat-tkabbir tal-PDG reali ġiet riveduta b’żieda żgħira fl-2018 u tnaqqis fl-2019.
Dwar l-analiżi monetarja: it-tkabbir tal-l-aggregat monetarju wiesa’ (M3) kien ta’ 3.9% f’Ottubru 2018, wara li f’Settembru kien ta’ 3.6%. Minbarra xi volatilità fil-flussi ta’ kull xahar, it-tkabbir tal-M3 qed jibqa’ jiġi sostnut mill-ħolqien ta’ kreditu bankarju. L-aggregat monetarju ristrett M1 baqa' l-kontributur ewlieni għat-tkabbir monetarju wiesa’.
F'konformità max-xejra 'l fuq osservata mill-bidu tal-2014, it-tkabbir tas-self lis-settur privat ikompli jappoġġja l-espansjoni ekonomika. Ir-rata annwali tat-tkabbir fis-self lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji żdiedet għal 3.9% f'Ottubru 2018, wara 4.3% f'Settembru, waqt li r-rata annwali tat-tkabbir fis-self lill-individwi baqgħat stabbli fil-livell ta' 3.2%. It-trażmissjoni tal-miżuri tal-politika monetarja li ħadna minn Ġunju 2014 ’l hawn għadha qed issostni b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet tas-self lill-intrapriżi u lill-individwi, l-aċċess għall-finanzjament ‒ b'mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ‒ u l-flussi ta’ kreditu fiż-żona tal-euro kollha.
Fil-qosor, kontroverifika tal-eżitu tal-analiżi ekonomika mal-indikazzjonijiet li joħorġu mill-analiżi monetarja kkonfermat li għadu meħtieġ livell abbondanti ta’ akkomodament monetarju għall-konverġenza kontinwa u sostnuta tal-inflazzjoni ma’ livelli li huma taħt, imma qrib it-2% fuq żmien medju.
Biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jirriżultaw mill-miżuri tal-politika monetarja li ħadna, oqsma oħra ta’ politika għandhom jikkontribwixxu b’mod deċiżiv biex isaħħu l-potenzjal ta' tkabbir fuq żmien twil u jnaqqsu l-vulnerabbiltajiet. L-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro jeħtieġ li titħaffef b’mod sostanzjali biex tiżdied il-kapaċità ta' rkupru mill-iskossi, jonqos il-qgħad strutturali u tingħata spinta lill-produttività u l-potenzjal ta' tkabbir taż-żona tal-euro. Dwar il-politika fiskali, il-Kunsill Governattiv itenni l-bżonn għall-bini mill-ġdid ta' bafers fiskali. Dan hu partikolarment importanti f’pajjiżi fejn id-dejn tal-gvern hu għoli u li għalihom il-konformità mal-patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir hi kruċjali għas-salvagwardja ta’ pożizzjonijiet fiskali sodi. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni trasparenti u konsistenti tal-qafas ta’ governanza fiskali u ekonomika tal-UE tul iż-żmien u fil-pajjiżi kollha għadha essenzjali biex issaħħaħ il-kapaċità tal-ekonomija taż-żona tal-euro biex tirkupra mill-iskossi. It-tisħiħ tal-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għadu prijorità. Il-Kunsill Governattiv jilqa’ x-xogħol li għadu għaddej u jħeġġeġ passi speċifiċi u deċiżivi biex titlesta l-unjoni bankarja u l-unjoni tas-swieq tal-kapital.
Aktar tagħrif dwar il-parametri tekniċi tal-investimenti mill-ġdid ser jinħareġ fit-15:30 CET fil-websajt tal-BĊE.
Issa ninsabu lesti biex inwieġbu l-mistoqsijiet tagħkom.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja