- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
14 ta' Settembru 2023
L-inflazzjoni qed tkompli tonqos iżda mistennija li tibqa’ għolja wisq għal żmien twil wisq. Il-Kunsill Governattiv huwa determinat li jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2 % fuq żmien medju b’mod f’waqtu. Sabiex isaħħaħ il-progress lejn il-mira tiegħu, il-Kunsill Governattiv iddeċieda llum li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi.
Iż-żieda fir-rati tallum tirrifletti l-valutazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-prospetti dwar l-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li waslitlu, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. It-tbassir makroekonomiku ta’ Settembru għaż-żona tal-euro li sar mill-persunal tal-BĊE jipprevedi inflazzjoni annwali ta’ 5.6% fl-2023, 3.2% fl-2024 u 2.1% fl-2025. Din hija reviżjoni ‘l fuq għall-2023 u l-2024 u reviżjoni ‘l isfel għall-2025. Ir-reviżjoni ‘l fuq għall-2023 u l-2024 prinċipalment tirrifletti perkors ogħla għall-prezzijiet tal-enerġija. Il-pressjonijiet sottostanti tal-prezzijiet għadhom għoljin, minkejja li l-biċċa l-kbira tal-indikaturi bdew jonqsu. Il-persunal tal-BĊE rreveda kemmxejn ‘l isfel t-trajettorja mbassra għall-inflazzjoni minbarra l-enerġija u l-ikel, għal medja ta’ 5.1 % fl-2023, 2.9 % fl-2024 u 2.2 % fl-2025. Iż-żidiet fir-rati tal-imgħax fil-passat tal-Kunsill Governattiv għadhom qed jiġu trasmessi bil-qawwa. Il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament komplew jissikkaw u qegħdin dejjem aktar inaqqsu d-domanda, li huwa fattur importanti biex l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira. Bl-impatt dejjem akbar ta’ dan l-issikkar fuq id-domanda domestika u l-ambjent kummerċjali internazzjonali li qed jiddgħajjef, il-persunal tal-BĊE naqqas b’mod sinifikanti t-tbassir tat-tkabbir ekonomiku tagħhom. Issa huma jistennew li l-ekonomija taż-żona tal-euro tespandi b’0.7 % fl-2023, 1.0 % fl-2024 u 1.5 % fl-2025.
Abbażi tal-valutazzjoni attwali tiegħu, il-Kunsill Governattiv iqis li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE laħqu livelli li, jekk jinżammu għal żmien twil biżżejjed, se jagħtu kontribut sostanzjali biex l-inflazzjoni terġa’ lura fil-ħin lejn il-mira. Id-deċiżjonijiet futuri tal-Kunsill Governattiv se jiżguraw li r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE jiġu stabbiliti f’livelli restrittivi biżżejjed għat-tul ta’ żmien li jkun meħtieġ. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ li jiddependi fuq id-data biex jiddetermina l-livell xieraq u t-tul tar-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar ir-rati tal-imgħax se jkomplu jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tagħna tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li ġejja, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jgħolli t-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożitu se jiżdiedu għal 4.5%, 4.75% u 4.00% rispettivament, b'effett mill-20 ta’ Settembru 2023.
Programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u Programm ta' Xiri ta' Emerġenza fil-każ ta' Pandemija (PEPP)
Il-portafoll tal-APP qed jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, hekk kif l-Eurosistema ma għadhiex tinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali mit-titoli li jimmaturaw.
Fir-rigward tal-PEPP, il-Kunsill Governattiv beħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-programm tal-anqas sa l-aħħar tal-2024. Fi kwalunkwe każ, it-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.
Il-Kunsill Governattiv se jkompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-għan li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni tal-politika monetarja relatati mal-pandemija.
Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament
Billi l-banek qed iħallsu lura l-ammonti meħuda b’self taħt l-operazzjonijiet mmirati ta’ rifinanzjament għal żmien itwal, il-Kunsill Governattiv se jivvaluta regolarment kif l-operazzjonijiet ta’ għoti ta’ self immirati u r-ripagament kontinwu tagħhom qed jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal-politika monetarja tiegħu.
***
Il-Kunsill Governattiv jinsab lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2 % fuq żmien medju u biex jippreserva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli biex jiġu miġġielda d-dinamiċi mhux ġustifikati u diżordinati tas-suq li huma ta’ theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, biex b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu ta’ stabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se jikkummenta wkoll dwar ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fis-14:45 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja