- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Il-BĊE jippubblika studju dwar l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro
11 ta’ Diċembru 2023
- L-impronta ambjentali tal-użu annwali tal-karti tal-flus tal-euro minn persuna hija ekwivalenti għas-sewqan ta’ 8 km bil-karozza.
- L-Eurosistema tinsab impenjata biex tkompli tnaqqas l-impatt ambjentali tal-karti tal-flus, filwaqt li jiġi żgurat li l-flus kontanti jkunu disponibbli u aċċettati fuq bażi wiesgħa.
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) illum ippubblika studju tal-impronta ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro bħala strument ta’ ħlas. Dan juri li l-impronta ambjentali medja għall-ħlasijiet bil-karti tal-flus kienet ta’ 101 mikropunt (µPt) għal kull ċittadin taż-żona tal-euro fl-2019. Dan huwa ekwivalenti għas-sewqan ta’ karozza għal 8 km, jew 0.01% tal-impatt ambjentali totali tal-attivitajiet ta’ konsum annwali ta’ ċittadin Ewropew.
L-istudju jkejjel l-impatt ambjentali potenzjali tal-attivitajiet kollha f’ċiklu sħiħ ta’ karti tal-flus tal-euro – mill-akkwist tal-materja prima, il-manifattura, id-distruzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni, sar-rimi mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊNi). Dan huwa bbażat fuq il-metodoloġija tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u jibni fuq il-ħidma li nbdiet fil-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-ewwel serje ta’ karti tal-flus tal-euro fl-2004.
Il-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għall-impronta ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ ħlas huma l-konsum ta’ enerġija tal-kaxxieri awtomatiċi (ATMs) u t-trasport, segwiti mill-ipproċessar mill-BĊNi, il-manifattura tal-karti u l-awtentikazzjoni ta’ karti tal-flus fil-ħwienet. Il-ħajja twila tal-karti tal-flus u l-fatt li jintużaw għal ħafna ħlasijiet ifissru li l-impatt tal-produzzjoni tal-karti tal-flus huwa aktar baxx minn dak tat-trasport u d-distribuzzjoni.
“L-Eurosistema tinsab impenjata biex tkompli tagħmel il-karti tal-flus tal-euro kemm jista’ jkun favorevoli għall-ambjent, filwaqt li jiġi żgurat li l-flus kontanti jkunu disponibbli u aċċettati fuq bażi wiesgħa,” qal il-membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE Piero Cipollone.
Sa mill-2004 l-Eurosistema għamlet sforzi biex tnaqqas l-impronta ambjentali tal-karti tal-flus tal-euro, pereżempju billi tuża biss qoton li huwa 100% sostenibbli u billi tipprojbixxi r-rimi tal-iskart tal-karti tal-flus f’landfill.
Barra minn hekk, il-manifatturi tal-ATMs u l-banek għamlu progress fit-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-magni tagħhom. L-istudju li ġie ppubblikat illum juri li t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mill-ATMs ikkontribwixxa għal tnaqqis ta’ 35% fl-impronta ambjentali tagħhom bejn l-2004 u l-2019.
Qegħdin isiru riċerka u żvilupp estensivi biex il-karti tal-flus tal-euro tal-futur ikunu saħansitra aktar favorevoli għall-ambjent fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Pereżempju, il-BĊE qed jesplora metodi alternattivi għar-rimi tal-iskart tal-karti tal-flus, bħar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-materjal tal-iskart, u titjib possibbli għall-materjali u l-komponenti użati fil-proċess tal-istampar.
Dawn l-azzjonijiet huma wkoll parti mill-impenn usa’ tal-BĊE li jindirizza t-tibdil fil-klima fi ħdan il-mandat tiegħu u li jnaqqas l-impronta ambjentali tiegħu stess b’mod konformi mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettivi tal-Unjoni Ewropea dwar in-newtralità klimatika. Informazzjoni dettaljata tinsab fid-Dikjarazzjoni Ambjentali annwali tal-BĊE.
Għal domandi mill-media, jekk jogħġobkom ikkuntattjaw lil Belén Pérez Esteve, tel.: + 49 173 533 4269.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- [email protected]
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja